search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: '   fi' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index    fi:

    KAPITOLU I
    SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

    KAPITOLU II
    GWARDJANI

    KAPITOLU III
    PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI

    KAPITOLU IV
    INVESTIGAZZJONI TAS-SUQ

    KAPITOLI V
    SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ

    KAPITOLU VI
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas    fi:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 909

 

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jistabbilixxi regoli armonizzati li jiżguraw swieq kontestabbli u ġusti għan-negozji kollha fis-settur diġitali madwar l-Unjoni fejn ikunu preżenti gwardjani, għall-benefiċċju tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti jew offruti minn gwardjani lil utenti kummerċjali stabbiliti fl-Unjoni jew lil utenti finali stabbiliti jew li jinsabu fl-Unjoni, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment jew ta’ residenza tal-gwardjani u irrispettivament mil-liġi applikabbli mod ieħor għall-forniment ta’ servizz.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal swieq relatati ma’:

(a)

networks tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fl-Artikolu 2, punt (1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(b)

servizzi tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fl-Artikolu 2, punt (4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, għajr dawk relatati ma’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri.

4.   fir-rigward ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali kif definit fl-Artikolu 2, punt (5) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat u r-responsabbiltajiet mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u lil awtoritajiet kompetenti oħra permezz tal-Artikolu 61 ta’ dik id-Direttiva.

5.   Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern, l-Istati Membri ma għandhomx jimponu obbligi ulterjuri fuq il-gwardjani permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew miżuri amministrattivi bil-għan li jiżguraw swieq kontestabbli u ġusti. Xejn f’dan ir-Regolament ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jimponu obbligi fuq l-impriżi, inkluż impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, għal kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dment li dawk l-obbligi jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u ma jirriżultawx mill-fatt li l-impriżi rilevanti jkollhom l-istatus ta’ gwardjan skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament..

6.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’:

(a)

regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu ftehimiet li jkunu antikompetittivi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, prattiki miftiehma u abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti;

(b)

regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu forom oħra ta’ mġiba unilaterali dment li dawn jiġu applikati għall-impriżi li mhumiex gwardjani jew jammontaw għall-impożizzjoni ta’ aktar obbligi fuq il-gwardjani; u

(c)

ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (23) u r-regoli nazzjonali dwar il-kontroll tal-amalgamazzjonijiet.

7.   L-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib u jikkoordinaw l-azzjonijiet ta’ infurzar tagħhom abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 37 u 38.

Artikolu 8

Konformità mal-obbligi għall-gwardjani

1.   Il-gwardjan għandu jiżgura u juri konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament. Il-miżuri implimentati mill-gwardjan biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk l-Artikoli għandhom ikunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u tal-obbligu rilevanti. Il-gwardjan għandu jiżgura li l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri tikkonforma mal-liġi applikabbli, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva 2002/58/KE, il-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza tal-prodotti, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà.

2.   Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ gwardjan skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jispeċifika l-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat għandu jimplimenta sabiex jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20 f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

Meta jinfetħu proċedimenti fuq inizjattiva tagħha stess għal ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13, tali miżuri jistgħu jikkonċernaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7.

3.   Gwardjan jista’ jitlob lill-Kummissjoni tidħol fi proċess biex tiddetermina jekk il-miżuri li dak il-gwardjan ikun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta biex jiżgura l-konformità mal-Artikoli 6 u 7 humiex effettivi biex jintlaħaq l-objettiv tal-obbligu rilevanti fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk tidħolx f’tali proċess, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.

Fit-talba tiegħu, il-gwardjan għandu jipprovdi sottomissjoni motivata biex jispjega l-miżuri li jkun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta. Barra minn hekk, il-gwardjan għandu jipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni motivata tiegħu li tista’ tiġi kondiviża ma’ partijiet terzi skont il-paragrafu 6.

4.   Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.

5.   Bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet preliminari tagħha lill-gwardjan fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li qed tqis li ser tieħu jew li tqis li l-gwardjan ikkonċernat għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.

6.   Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, meta tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 5 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-miżuri li tkun qed tqis li tieħu jew li tqis li għandu jieħu l-gwardjan ikkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.

7.   Meta tispeċifika l-miżuri skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u l-obbligu rilevanti, u jkunu proporzjonati fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan u s-servizz rilevanti.

8.   Għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-obbligi skont l-Artikoli 6(11) u (12), il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk il-miżuri intenzjonati jew implimentati jiżgurawx li ma jkunx fadal żbilanċ fid-drittijiet u l-obbligi għall-utenti kummerċjali u li l-miżuri ma jagħtux vantaġġ huma stess lill-gwardjan li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut mill-gwardjan lill-utenti kummerċjali.

9.   fir-rigward ta’ proċedimenti skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’, fuq talba jew fuq inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi li terġa’ tiftaħhom meta:

(a)

tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni; jew

(b)

id-deċiżjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa; jew

(c)

il-miżuri kif speċifikati fid-deċiżjoni ma jkunux effettivi.

Artikolu 9

Sospensjoni

1.   Meta l-gwardjan juri f’talba motivata li l-konformità ma’ obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) tipperikola, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-gwardjan, il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tiegħu fl-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha li tissospendi b’mod eċċezzjonali, kompletament jew parzjalment, l-obbligu speċifiku msemmi f’dik it-talba motivata (“id-deċiżjoni ta’ sospensjoni”). F’dak l-att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissostanzja d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tagħha billi tidentifika ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw is-sospensjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jkun limitat sal-punt u l-perjodu ta’ żmien meħtieġa biex tiġi indirizzata theddida bħal din għall-vijabbiltà tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi talba motivata sħiħa. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata s-sospensjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha ta’ sospensjoni kull sena, sakemm ma jkunx speċifikat intervall iqsar f’dik id-deċiżjoni. Wara dan ir-rieżami l-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

4.   fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 3, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tal-gwardjan fl-Unjoni kif ukoll fuq partijiet terzi, b’mod partikolari l-SMEs u l-konsumaturi. Is-sospensjoni tista’ tiġi soġġetta għal kondizzjonijiet u obbligi li jridu jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawk l-interessi u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Eżenzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika u sigurtà pubblika

1.   Il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi fuq talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha, biex teżenta lil dak il-gwardjan, kompletament jew parzjalment, minn obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), meta tali eżenzjoni tkun ġustifikata għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu (“id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni”). Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien tliet xhur wara li tirċievi talba motivata kompluta u għandha tipprovdi dikjarazzjoni motivata li tispjega r-raġunijiet għall-eżenzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata eżenzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha dwar l-eżenzjoni jekk ir-raġuni għall-eżenzjoni ma tibqax teżisti jew mill-inqas kull sena. Wara dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   Eżenzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ tingħata biss għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew sigurtà pubblika.

4.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

5.   fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 4, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq ir-raġunijiet fil-paragrafu 3, kif ukoll l-effetti fuq il-gwardjan ikkonċernat u fuq partijiet terzi. Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta s-sospensjoni għal kondizzjonijiet u obbligi sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-miri segwiti mir-raġunijiet fil-paragrafu 3 u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Rappurtar

1.   fi żmien sitt xhur wara d-deżinjazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 3, u skont l-Artikolu 3(10), il-gwardjan għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’rapport li jiddeskrivi b’mod dettaljat u trasparenti l-miżuri li jkun implimenta biex jiżgura l-konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7.

2.   Sal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1, il-gwardjan għandu jippubblika u jipprovdi lill-Kummissjoni sommarju mhux kunfidenzjali ta’ dak ir-rapport.

Il-gwardjan għandu jaġġorna dak ir-rapport u dak is-sommarju mhux kunfidenzjali mill-inqas darba fis-sena.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel link għal dak is-sommarju mhux kunfidenzjali disponibbli fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 15

Obbligu ta’ awditu

1.   fi żmien sitt xhur wara d-deżinjazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 3, gwardjan għandu jippreżenta deskrizzjoni awditjata b’mod indipendenti lill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe teknika għat-tfassil tal-profili dwar il-konsumaturi li l-gwardjan japplika għas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) jew fl-ambitu ta’ tali servizzi. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik id-deskrizzjoni awditjata lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 46(1), punt (g), biex tiżviluppa l-metodoloġija u l-proċedura tal-awditu.

3.   Il-gwardjan għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku ħarsa ġenerali tad-deskrizzjoni awditjata msemmija fil-paragrafu 1. Meta jagħmel dan, il-gwardjan għandu jkun jista’ jqis il-ħtieġa li jiġu rrispettati s-sigrieti kummerċjali tiegħu. Il-gwardjan għandu jaġġorna dik id-deskrizzjoni u dik il-ħarsa ġenerali mill-inqas darba fis-sena.

KAPITOLU IV

INVESTIGAZZJONI TAS-SUQ

Artikolu 29

Nonkonformità

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi s-sejba tagħha ta’ nonkonformità (“id-deċiżjoni ta’ nonkonformità”) meta ssib li gwardjan ma jikkonformax ma’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 5, 6 jew 7;

(b)

il-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2);

(c)

ir-rimedji imposti skont l-Artikolu 18(1);

(d)

il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 24; jew

(e)

l-impenji magħmula vinkolanti legalment skont l-Artikolu 25.

Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tadotta d-deċiżjoni ta’ nonkonformità tagħha fi żmien 12-il xahar mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20.

3.   Qabel ma tadotta d-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan ikkonċernat. F’dawk is-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li qed tqis li ser tieħu jew li tqis li l-gwardjan għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.

4.   Fejn ikollha l-ħsieb li tadotta deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta ma’ partijiet terzi.

5.   fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni għandha tordna lill-gwardjan biex iwaqqaf in-nonkonformità fi żmien xieraq u biex jagħti spjegazzjonijiet dwar kif jippjana li jikkonforma ma’ dik id-deċiżjoni.

6.   Il-gwardjan għandu jagħti deskrizzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri li jkun ħa biex jiżgura l-verifika tal-konformità mad-deċiżjoni ta’ nonkonformità.

7.   Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tadottax deċiżjoni ta’ nonkonformità, hija għandha tagħlaq il-proċedimenti permezz ta’ deċiżjoni.

Artikolu 30

Multi

1.   fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq gwardjan li ma jaqbżux l-10 % tal-fatturat dinji totali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li l-gwardjan, intenzjonalment jew b’negliġenza, jonqos milli jikkonforma ma’:

(a)

kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7;

(b)

il-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2);

(c)

ir-rimedji imposti skont l-Artikolu 18(1);

(d)

il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 24; jew

(e)

l-impenji magħmula vinkolanti legalment skont l-Artikolu 25.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità l-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq gwardjan sa 20 % tal-fatturat totali tiegħu madwar id-dinja fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li gwardjan ikun wettaq l-istess ksur jew ksur simili ta’ obbligu stipulat fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward tal-istess servizz ewlieni ta’ pjattaforma li nstab li wettaq f’deċiżjoni ta’ nonkonformità adottata fit-tmien snin preċedenti.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni, li timponi fuq impriżi, inkluż gwardjani fejn applikabbli, u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, multi li ma jaqbżux 1 % tal-fatturat dinji totali tagħhom fis-sena finanzjarja preċedenti meta dawn intenzjonalment jew b’negliġenza:

(a)

jonqsu milli jipprovdu informazzjoni fil-limitu ta’ żmien li hija meħtieġa għall-valutazzjoni tad-deżinjazzjoni tagħhom bħala gwardjani skont l-Artikolu 3 jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa;

(b)

jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3);

(c)

jonqsu milli jinnotifikaw informazzjoni jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa li hija meħtieġa skont l-Artikolu 14;

(d)

jonqsu milli jagħtu d-deskrizzjoni jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa li hija meħtieġa skont l-Artikolu 15;

(e)

jonqsu milli jipprovdu aċċess għad-data, algoritmi jew informazzjoni dwar ittestjar b’risposta għal talba magħmula skont l-Artikolu 21(3);

(f)

jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni mitluba fil-limitu ta’ żmien stabbilit skont l-Artikolu 21(3) jew jipprovdu informazzjoni jew spjegazzjonijiet skorretti, mhux kompluti jew qarrieqa li huma mitluba skont l-Artikolu 21 jew li huma mogħtija waqt intervista skont l-Artikolu 22;

(g)

jonqsu milli jirrettifikaw f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa mogħtija minn rappreżentant jew membru tal-persunal, jew jonqsu milli, jew jirrifjutaw li, jipprovdu informazzjoni kompluta dwar fatti relatati mas-suġġett u l-għan ta’ spezzjoni, skont l-Artikolu 23;

(h)

jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 23;

(i)

jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26;

(j)

jonqsu milli jintroduċu funzjoni ta’ verifika tal-konformità skont l-Artikolu 28; jew

(k)

jonqsu milli jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 34(4).

4.   Fl-iffissar tal-ammont ta’ multa, il-Kummissjoni għandha tqis il-gravità, it-tul ta’ żmien, ir-rikorrenza u, għall-multi imposti skont il-paragrafu 3, id-dewmien ikkawżat fil-proċedimenti.

5.   Meta tiġi imposta multa fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi li tqis il-fatturat dinji tal-membri tagħha u dik l-assoċjazzjoni ma tkunx solventi, hija għandha tkun obbligata titlob kontribuzzjonijiet mingħand il-membri tagħha biex tkopri l-ammont tal-multa.

Meta dawn il-kontribuzzjonijiet ma jkunux saru lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-multa direttament mingħand kwalunkwe impriża li r-rappreżentanti tagħha kienu membri tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikkonċernati ta’ dik l-assoċjazzjoni.

Wara li tkun talbet il-pagament skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-bilanċ minn kwalunkwe wieħed mill-membri tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi, meta meħtieġ, biex tiżgura l-pagament kollu tal-multa.

Iżda l-Kummissjoni ma għandhiex titlob pagament skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu mingħand impriżi li juru li ma implimentawx id-deċiżjoni tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi li kisru dan ir-Regolament, u ma kinux konxji mill-eżistenza tagħha, jew iddistanzjaw ruħhom b’mod attiv minnha qabel ma l-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedimenti skont l-Artikolu 20.

Ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ kull impriża fir-rigward tal-pagament tal-multa ma għandhiex taqbeż 20 % tal-fatturat dinji totali tagħha fis-sena finanzjarja preċedenti.

Artikolu 39

Kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali

1.   fi proċedimenti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tittrażmettilhom l-informazzjoni fil-pussess tagħha jew l-opinjoni tagħha dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kopja ta’ kwalunkwe sentenza bil-miktub tal-qrati nazzjonali li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Tali kopja għandha tintbagħat mingħajr dewmien wara li s-sentenza sħiħa bil-miktub tiġi nnotifikata lill-partijiet.

3.   Fejn l-applikazzjoni koerenti ta’ dan ir-Regolament teħtieġ hekk, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess, tista’ tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub lill-qrati nazzjonali. Bil-permess tal-qorti inkwistjoni, hija tista’ tagħmel ukoll osservazzjonijiet bil-fomm.

4.   Għall-fini tat-tħejjija tal-osservazzjonijiet tagħhom biss, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-qorti nazzjonali rilevanti biex tittrażmetti jew tiżgura t-trażmissjoni lill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe dokument meħtieġ għall-valutazzjoni tal-każ.

5.   Il-qrati nazzjonali ma għandhomx jieħdu deċiżjoni li tmur kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. Huma għandhom jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fi proċedimenti li tkun bdiet skont dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-qorti nazzjonali tista’ tivvaluta jekk huwiex neċessarju li tissospendi l-proċedimenti tagħha. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jitolbu deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

Artikolu 40

Il-grupp ta’ livell għoli

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta’ livell għoli għall-Att dwar is-Swieq Diġitali (“il-grupp ta’ livell għoli”).

2.   Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun magħmul mill-korpi u n-networks Ewropej li ġejjin:

(a)

il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi,

(b)

il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

(c)

in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni,

(d)

in-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, u

(e)

il-Grupp Regolatorju Ewropew ta’ Regolaturi tal-Media Awdjoviżiva.

3.   Il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jkollhom għadd ugwali ta’ rappreżentanti fil-grupp ta’ livell għoli. L-għadd massimu ta’ membri tal-grupp ta’ livell għoli ma għandux jaqbeż 30.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi ta’ segretarjat lill-grupp ta’ livell għoli sabiex tiffaċilita l-ħidma tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni, li għandha tipparteċipa fil-laqgħat tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jiltaqa’ fuq talba tal-Kummissjoni mill-inqas darba kull sena kalendarja. Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ ukoll laqgħa tal-grupp meta tintalab tagħmel dan mill-maġġoranza tal-membri li jiffurmaw il-grupp sabiex tiġi indirizzata kwistjoni speċifika.

5.   Il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi lill-Kummissjoni b’pariri u għarfien espert fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-membri tiegħu, inkluż:

(a)

pariri u rakkomandazzjonijiet li jaqgħu taħt l-għarfien espert tagħhom rilevanti għal kwalunkwe kwistjoni ġenerali ta’ implimentazzjoni jew ta’ infurzar ta’ dan ir-Regolament; jew

(b)

pariri u għarfien espert li jippromwovu approċċ regolatorju konsistenti fi strumenti regolatorji differenti.

6.   Il-grupp ta’ livell għoli jista’, b’mod partikolari, jidentifika u jivvaluta l-interazzjonijiet attwali u potenzjali bejn dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għas-setturi applikati mill-awtoritajiet nazzjonali li jiffurmaw il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 u jippreżenta rapport annwali lill-Kummissjoni li jippreżenta tali valutazzjoni u jidentifika kwistjonijiet transregolatorji potenzjali. Tali rapport jista’ jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jikkonverġu lejn approċċi transdixxiplinari konsistenti u sinerġiji bejn l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u regolamenti settorjali oħra. Ir-rapport għandu jiġi komunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

7.   fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tas-suq f’servizzi ġodda u prattiki ġodda, il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi għarfien espert lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu emendati, miżjuda jew imneħħija regoli f’dan ir-Regolament, biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-Unjoni jkunu kontestabbli u ġusti.

Artikolu 41

Talba għal investigazzjoni tas-suq

1.   Tliet Stati Membri jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 17 għaliex huma jqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li impriża għandha tiġi deżinjata bħala gwardjan.

2.   Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 18 għax iqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li gwardjan ikun kiser b’mod sistematiku wieħed jew aktar mill-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7 u jkun żamm, saħħaħ jew estenda l-pożizzjoni ta’ gwardjan tiegħu fir-rigward tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 3(1).

3.   Tliet Stati Membri jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 għaliex huma jqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li:

(a)

servizz wieħed jew aktar fis-settur diġitali jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stabbilita fl-Artikolu 2, punt (2), jew

(b)

prattika waħda jew aktar mhumiex indirizzati b’mod effettiv minn dan ir-Regolament u jistgħu jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew ikunu inġusti.

4.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw evidenza li ssostni t-talbiet tagħhom skont il-paragrafi 1, 2 u 3. Għal talbiet skont il-paragrafu 3, tali evidenza tista’ tinkludi informazzjoni dwar offerti ġodda ta’ prodotti, servizzi, software jew karatteristiċi li jqajmu tħassib dwar kontestabbiltà jew korrettezza, kemm jekk implimentati fil-kuntest ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma eżistenti jew mod ieħor.

5.   fi żmien erba’ xhur minn meta tirċievi talba skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk hemmx raġunijiet raġonevoli biex tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1, 2 jew 3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-valutazzjoni tagħha.


whereas









keyboard_arrow_down